Ftit ġimgħat wara t-tnedija ta’ Taħżiż4, se ssir lejla ta’ qari mill-pubblikazzjoni ta’ din l-edizzjoni f’Żeppi’s Pub, il-Qala, Għawdex. Matul din il-lejla, il-parteċipanti stess se jkunu qed jaqraw kitbiethom mill-pubblikazzjoni.

Bejn tazza nbid u pinta birra, bejn kelma u oħra … ikollkom iċ-ċans issiru midħla tal-parteċipanti u l-programm innifsu. Inħeġġu l-parteċipanti prospettivi jattendu.

Narawkom! Jarawkom.

tahz%cc%87iz%cc%874-ghawdex-page-001

 

Taħżiż4 u qari mill-parteċipanti

Advertisements

It-tnedija ta’ Taħżiż4

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2017 ġewwa t-Teatru Orpheum, il-Gżira se titnieda l-pubblikazzjoni finali ta’ TAĦŻIŻ4. L-editur għal din l-edizzjoni huwa Kit Azzopardi.

TAĦŻIŻ4 kien imqassam fuq numru ta’ seminars residenzjali u laqgħat oħra, anke f’Għawdex, li fihom ġew iġġenerati kitbiet b’esperimentazzjoni. Il-parteċipanti f’din l-edizzjoni kienu Michael Carol Bartolo, Diane Cutajar, Rachelle Deguara, Kimberly Hatherly, Maria Pellicano, u Victoria Pisani. Parteċipanti oħrajn kienu Clive Piscopo, Mireille Borg, Yana Mizzi, Matthew Schembri u Gabriel Pace.

Waqt it-tnedija se jkun hemm il-grupp ta’ tfajliet, Cryptic Street, idoqqu mużika kontemporanja. Is-serata se titmexxa minn Glen Calleja.

Inħeġġu l-pubbliku jattendi. Is-serata hija b’xejn, waqt li dawk preżenti jingħataw ukoll il-pubblikazzjoni. Ftit tnaqqir ma jonqosx!

Dakinhar se titħabbar is-sejħa għal TAĦŻIŻ5. Żommu ruħkom infurmati!

Id-dettalji ssibuhom fil-ħolqa tal-attività: https://www.facebook.com/events/820529881421807/

15356493_10154610837561223_3840862306643455506_n

 

Stedina għal ġurnata kitba!

Bejn il-Ġimgħa, 7 ta’ Lulju u l-Ħadd, 10 ta’ Lulju, se jkun qed isir ir-raba’ seminar tar-raba’ edizzjoni ta’ Taħżiż. Is-seminar se jsir fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, ir-Rabat, Għawdex. Taħżiż huwa programm ta’ kitba kreattiva, iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ u kkordinat mill-Għaqda.

Għall-jum tas-Sibt, bejn it-08:00 u d-21:00, qed nistiednu lill-pubbliku sabiex jiġi jingħaqad magħna, fl-attivitajiet marbuta mal-kitba, li għandna mħejjija għal dakinhar. Il-programm għal dakinhar, se jkun qed jinkludi taħdita u workshop dwar il-kitba tad-djarju u l-memoir, workshop marbut mal-flashfiction, film u attività marbuta miegħu u sessjonijiet one-to-one, fost ħafna iktar. Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-jum nagħlquh b’qari mill-parteċipanti.

Naturalment, matul il-jum ikun hemm ftit waqfiet għall-ikel u x-xorb, li jingħataw b’xejn. L-attendenza għall-attivitajiet f’dan il-jum ukoll hija b’xejn. Inħeġġu lil min hu interessat jattendi, biex jibgħat ittre lil ghaqdatalmalti@gmail.com sabiex ikun jista’ jingħata programm iżjed dettaljat tal-jum.

Din hija l-attività tal-qari għall-pubbliku fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/904517666343308/

Iżjed dettalji wieħed isibhom ukoll fuq il-paġna ta’ Taħżiż fuq Facebook: << https://www.facebook.com/tahziz/?fref=ts>&gt;

13221565_918554724956532_4703450135257413003_nqari

 

It-tielet seminar ta’ Taħżiż4

Nhar is-Sibt, 30 ta’ April sar it-tielet seminar ta’ Taħżiż4, l-Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera. Filgħodu bdejna b’mixja fit-toroq ta’ Birkirkara. Waqt il-mixja, il-parteċipanti taw attenzjoni partikolari lill-ħsejjes u l-viżwali li ltaqgħu magħhom fit-toroq.

Dawn l-ideat, flimkien ma’ oħrajn ħadmu fuqhom wara, fis-sessjoni ma’ Ryan Falzon li ttrattat l-arti viżiva u l-kitba. F’din is-sessjoni, Ryan, wera lill-parteċipanti għażla ta’ pitturi u talabhom biex jiktbu dwarhom. Il-parteċipanti kitbu u semgħu anke x-xogħlijiet tagħhom.

Xkora vojta ma tiqafx!

Wara s-sessjoni ma’ Ryan, dellikna ftit ftajjar għall-ikla ta’ nofsinhar biex inwaqqfu l-ixkora għas-sessjoni li jmiss, li din id-darba saret ma’ Caldon Mercieca.  F’din is-sessjoni, il-parteċipanti ħadmu ma’ Caldon fuq is-sensi fil-kitba u permezz ta’ eżerċizzji speċifiċi senslu għadd ta’ poeżiji qosra minn perspettivi differenti.

Kif intemmet is-sessjoni ma’ Caldon, waqafna għal ftit kafè biex inbillu griżmejna bil-lest għal diskussjoni interessanti. Leanne Ellul mexxiet id-diskussjoni b’mistoqsijiet dwar il-kitba nnfisha. Fid-diskussjoni ħarġu diversi perspettivi dwar għalfejn wieħed jagħżel li jikteb, fosthom, li wieħed jikteb biex jirrifletti dwar esperjenza li jkun għadda minnha, inkella biex jgħix il-ħajja għal darbtejn, kif tistqarr il-kittieba Anaïs Nin.

U intom? Għalxiex tagħżlu li tiktbu?

Id-diskussjoni baqgħet sejra saħansitra anki ftit tal-ħin wara: xħin bdejna nippreparaw għall-ikla ta’ flgħaxija. Iżda imbagħad, ir-riħa tal-pizza u l-inbid fuq il-mejda, waqqfitna biex nitrejqu u ngawdu ftit dawn iż-żewġ togħmiet flimkien. Is-seminar għalaqnieh billi ġarrejna ftit is-sufanijiet u flimkien rajna A Clockwork Orange, film ibbażat fuq ir-rumanz ċelebri ta’ Anthony Burgess li jġib l-istess isem.

It-tieni seminar ta’ Taħżiż4

Bejn il-Ġimgħa 15 u s-Sibt 16 t’April kellna t-tieni seminar ta’ Taħżiż, u matulu kellna ċ-ċans  niltaqgħu ma’ nies  minn oqsma  ta’ arti differenti. Bdejna l-ewwel sessjoni ma’ Simone Spiteri mill-qasam tat-teatru li ffukat is-sessjoni tagħha fuq il-kitba teatrali, b’mod partikolari fuq il-binja ta’ karattru.

It-tieni sessjoni laqqgħatna ma’ Caldon Mercieca li ħarreġ lill-parteċipanti fl-użu tas-sensi fil-kitba.

Esplorajna wkoll il-qasam tal-mużika f’rabta mal-kitba; il-grupp Cryptic Street qasam l-esperjenza tiegħu mal-parteċipanti. Il-kittieba żgħażagħ kellhom biċċa mużika bħala punt tat-tluq għat-taħżiż kreattiv, u dan wassal għal kitbiet b’temi u stili varji.

Is-seminar għalaqnieh bil-qari mill-parteċipanti … u bl-ikel! 🙂

Sessjonijiet miftuħa għall-pubbliku

Għat-tielet seminar ta’ TAĦŻIŻ se nkunu qed niftħu l-bibien għall-pubbliku mis-1pm. Għal dan is-seminar qed nistiednu lill-pubbliku (żgħażagħ sa 30 sena) jattendu għas-sessjonijiet li se jsiru l-Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera. Dakinhar se ssir it-tieni parti tal-workshop minn Caldon Mercieca dwar is-sens tas-sensi fil-kitba. Wara nibqgħu flimkien għal diskussjoni.

Biex tassiguraw il-post tagħkom ibgħatu ittre fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.

L-attendenza bla ħlas.

L-attività fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/1598164743837063/

12993485_903640953114576_6781782783223291276_n

L-ewwel seminar ta’ TAĦŻIŻ4

Għadda l-ewwel seminar ta’ Taħżiż4! Ilkoll inħossuna sodisfatti bil-parteċipazzjoni u l-materjal li ġġeneraw il-parteċipanti. Fl-ewwel sessjoni li saret nhar is-Sibt 5 ta’ Marzu 2016, fil-Villaġġ taż-Żgħażagħ Santa Venera, iltqajna ma’ Emanuel Psaila, kittieb u editur, li tkellem dwar kif tibda tikteb, u x’jagħmel kittieb tajjeb. Il-punt tat-tluq għall-ewwel assenjament tal-parteċipanti kien il-ġnien deskritt fil-ftuħ tal-ktieb L-Għar tax-Xelter ta’ Trevor Żahra. Dan il-ġnien sar tal-parteċipanti u lkoll qabdu vjaġġi differenti fil-kitba tagħhom.

PIC1.JPG

Jgħidu li xkora vojta ma tiqafx. Il-ftajjar bit-tonn taż-żejt, u l-gallettini mal-kafè żammewlna kumpanija u tawna l-enerġija nibqgħu għaddejjin għat-tieni sessjoni dwar l-editjar.

PIC1A

Din is-sessjoni mexxieha Kit Azzopardi li din is-sena se jkun l-editur tal-kitbiet tal-parteċipanti. Kellna diskussjoni dwar x’inhu l-irwol tal-editur u taħriġ ta’ editjar fuq kitba li pprovda Kit.

PIC2.JPG

Il-parteċipanti kellhom ukoll iċ-ċans janalizzaw in-nomi u l-verbi f’diversi poeżiji, u jiddevjaw mill-kliem tas-soltu. Il-poeżiji li għażlet Leanne Ellul biex fetħet din is-sessjoni, komplew jgħinu lill-parteċipanti jesperimentaw bil-kliem. Ma naqasx it-tbissim għal xi kliem ġdid li smajna u li l-kittieba żgħażagħ irnexxielhom jużaw fil-kitba tagħhom.

PIC3.JPG

Għalhekk, wara li llingwajna tkellimna mal-parteċipanti fuq il-kitba tagħhom b’mod individwali. Is-seminar għalaqnieh fuq il-kuxins, bil-popcorn u l-krips. Ingħaqdu magħna xi ħbieb u familjari, u flimkien rajna l-film To Kill a Mockingbird. Għażilna dan il-film biex infakkru lil Harper Lee, l-awtriċi tal-ktieb To Kill a Mockingbird li nħadem il-film fuqu u li ħallietna ftit tal-jiem ilu. Hi wkoll mara li ta’ min niċċelebrawha, bħal ħafna nisa oħra … għax dan tagħha hu rumanz ċelebri.

PIC4

 

sessjoni introduttiva

sessjoni introduttiva

Il-Ħamis 11 ta’ Frar 2016 saret is-sessjoni introduttiva li fiha t-tim ta’ Taħżiż iltaqa’ mal-parteċipanti ta’ din is-sena. Dawn huma Michael Carol Bartolo, Diane Cutajar, Rachelle Deguara, Kimberly Hatherly, Maria Pellicano, Victoria Pisani u Manuel Zarb. Is-sessjoni saret il-Youth Village tal-Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera.

Isabelle Mallia, min-naħa tal-Aġenzija Żgħażagħ tat bidu għal din is-sessjoni billi tkellmet dwar l-għanijiet ta’ proġetti bħal Taħżiż. Dorianne Bonello, kordinatriċi ta’ Taħżiż, tkellmet mal-parteċipanti u għaddietilhom l-informazzjoni kollha marbuta mal-programm ta’ din is-sena. Kit Azzopardi, l-editur ta’ Taħżiż kellimhom dwar l-editjar. Dorianne Bartolo daret bina waqt il-waqfa għal belgħa kafè u żewġ gallettiniet. 🙂

Leanne Ellul, kordinatriċi oħra ta’ Taħżiż, ħadet ħsieb il-workshop li fih il-parteċipanti ħadmu fuq kitba dwar l-oġġetti li nġabru fil-bidu tas-sessjoni. Il-parteċipanti kellhom jagħżlu oġġett li mhuwiex tagħhom u jiktbu paragrafu qasir dwaru fl-ewwel persuna.

Għalhekk f’din il-parti tas-sessjoni bdew jinkixfu l-borom dwar il-parteċipanti! Iċ-ċwievet tax-xogħol ta’ Michael, l-ipod mimli mużika ta’ Maria, iċ-ċurkett ta’ Rachelle li għaliha jfisser bilanċ fil-ħajja, iċ-ċavetta tad-dar ta’ Kimberly, il-pinna oranġjo maġika ta’ Diane, ir-radju tal-karozza ta’ Victoria li bħal Maria jżommilha kumpanija fit-triq u ċ-ċwievet ta’ Manuel tad-dar: dawn l-oġġetti tassew kienu ċ-ċwievet għas-sessjoni għaliex permezz tagħhom il-parteċipanti fetħulha ftit dwarhom infushom.

Il-parteċipanti kellhom imbagħad jaqilbu l-istorja li nkitbet dwar l-oġġetti ta’ xulxin, għat-tielet persuna u fil-preżent. Wara dan it-taħriġ, il-parteċipanti b’karta ddur minn id għall-oħra kitbu sentenza kull wieħed u ħolqu storja. Il-bużillis kien li huma kienu qed jaraw biss is-sentenza li kitbiet il-persuna ta’ qabilhom … u mhux l-istorja kollha. Aqrawha hawn taħt.

Storja kollaborattiva

Fi tmiem is-sessjoni, Beverly Agius, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Taħżiż, ġibdet ir-ritratti tal-parteċipanti … li se jitilgħu fuq il-blogg daqt! Narawkom.

 

7

7. Daqshekk għandna parteċipanti għall-workshop tal-flash fiction organizzat bħala parti minn TAĦŻIŻ3. Il-kittieba huma Beverly, Victoria, Gabriel, Dorianne, Clifford, Neil u Matthew. Bħalissa għaddejjin bil-kitba li eventwalment se tkun ippubblikata wkoll.

 

11026323_746575888821084_877378094903431867_n

it-tielet seminar tat-tielet TAĦŻIŻ

TAĦŻIŻ huwa programm ta’ empowerment li jiffoka fuq il-kitba kreattiva. Bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju se nkunu għaddejjin bit-tielet seminar ta’ TAĦŻIŻ3. Matul dan is-seminar, il-parteċipanti se jiffukaw fuq il-kitba permezz ta’ eżerċizzji li jħarrġuhom f’tekniki differenti, filwaqt li l-laqgħat individwali mal-kordinaturi u persuni esperti fil-qasam jgħinuhom jorqmu l-kitba aħjar.

Il-parteċipanti għal din is-sena huma Ryan Farrugia, Joseph Paul Muscat, Francesca Saliba, u Maria Vella. F’dan l-aħħar seminar se jingħaqdu magħna wkoll kittieba oħra li se jiffukaw fuq proġett żgħir tal-kitba bl-għan li ningaġġaw aktar nies u jkollna iktar kitbiet ġodda, bil-Malti.

Is-Sibt, il-parteċipanti jaqraw ukoll il-kitbiet tagħhom għal udjenza magħluqa.

11027479_746334358845237_4275941668823830402_n

Advertisements