Monthly Archives: July 2013

territorji ġodda

Qatt ippruvajt tibqa’ bilwieqfa għal 24 siegħa sħaħ? Qatt ippruvajt tiekol iċ-ċili waħdu fuq stonku vojt? Qatt ippruvajt tigdem minkbejk u rnexxielek?

Hemm estremitajiet li diffiċli jintleħqu imma li possibilment naslu għalihom ukoll. Xi drabi l-possibiltà ta’ ħaġa tkun iktar minn ta’ oħra; jien nassumi li nasal nagħmel 24 siegħa fuq riġlejja imma ma nimmaġinanix li nasal nigdem minkbejja f’kuntest fejn anke biex tgħallimt nehmeż kelli nħarreġ lili nnifsi. Kulħadd għandu l-limiti differenti tiegħu. L-iskop mhux li nilħqu l-istess limiti imma li nissuperaw l-limiti tagħna; li nwessgħu l-borduri; li mmorru lil hinn mit-territorju komdu tagħna stess.

Dan kollu jgħodd għall-kitba. Nittama li sal-lum l-idea li jrid ikollok il-muża biex tikteb jew li l-kittieb hu maqtugħ għalih fit-torri tal-avorju nqatgħat. Il-kittieb xogħlu hu li jikteb. Għalhekk irid ikun iddixxiplinat miegħu nnifsu. Ma nistax ma naqbilx ma’ Block meta darba kiteb li:

I tell myself that I’m going to do my five or 10 pages no matter what, and that I can always tear them up the following morning if I want. I’ll have lost nothing—writing and tearing up five pages would leave me no further behind than if I took the day off.

Din id-dixxiplina timmanifesta ruħha fi sforsi sistematiċi, żgħar jew kbar. Dan hu li għamilna waqt ‘Taħżiż’. Kienet iebsa li tqum tikteb fis-6 ta’ filgħodu u ngħiduha kif inhi, wara ikla tajba, mhux kulħadd ikollu aptit joqgħod iħażżeż. Bla dubju, id-dixxiplina waħedha ma tagħmilniex esperti tal-ħaġa anke jekk l-għajdut popolari hu li “practice makes perfect”.

Lil hinn minn dawn l-isforzi fiżiċi, l-isforz maħsub immanifesta ruħu f’eżerċizzji li mhux il-parteċipanti kollha kienu esperti fihom. Ngħidu aħna, hemm min iħossu komdu jikteb proża imma permezz tal-esperiment ta’ kitba twitterografika ħeġġiġna lill-parteċipanti jiktbu f’versi poetiċi. Mhux kulħadd hu espert tal-ħoss iżda eżerċizzju minnhom kien iffukat fuq l-iżvilupp tal-ħoss, li mhux neċessarjament mużika, fil-kuntest tal-proġett sħiħ. Hi kwistjoni li tara l-kitba minn dimensjonijiet differenti biex twessagħha kemm tista’ ħalli tara perspettivi differenti tagħha… u mbagħad, terġa’ ddejjaqha. F’dan id-dawl laqatni l-kumment ta’ Caldon meta qal li jekk wieħed m’għandux żejjed fil-kitba, m’għandux minn fejn ineqqi.

Li wieħed jażżarda jirfes fit-territorju tal-mhux-komdu tiegħu ma jkunx qed iwasslu biss biex jesperimenta u jkabbar il-kapaċità tiegħu ta’ kittieb iżda biex jikber hu nnifsu. Fl-aħħar mill-aħħar, dan it-twessigħ sħiħ tal-borduri jiġi rifless fil-kitba li allura tkun prodott tal-persuna li kitbet għax ażżardat taqbeż it-territorji komdi tagħha.

Sa ma nerġa’ nħażżeż, se nħallikom taħsbu fuq din ta’ Bhabha:

If, in our travelling theory, we are alive to the metaphoricity of the peoples of imagined communities – migrant or metropolitan – then we shall find that the space of the modern nation-people is never simply horizontal. Their metaphoric movement requires a kind of ‘doubleness’ in writing; a temporality of representation that moves between cultural formations and social processes without a centred causal logic. And such cultural movements disperse the homogeneous, visual time of the horizontal society.

picture

Minn ‘Incomplete Manifesto for Growth’ ta’ Bruce Mao

leanne

Advertisements

Jien nikteb li ji(e)nkiteb biss?

Hija l-iktar ħaġa loġika li nassumu li għandu jinkiteb dak li rridu li jinkiteb. Imma kemm hi loġika li tikteb dak li ma tridx li jinkiteb proprju biex tkun ċert li ma jinkitibx. Mhux faċli li twassal dak li għandek f’moħħok lill-udjenza u għalhekk huwa importanti ħafna li żżomm f’moħħok il-kunċett tal-udjenza, dak li trid tgħaddilha u dak li ma tridx. B’hekk tasal biex tibni xi ħaġa organika.

Din kienet waħda mir-riflessjonijiet li ħarġu mill-ewwel workshop tat-tieni seminar ta’ Taħżiż li ffoka fuq id-dimensjoni tal-ħoss fil-kitba. Kull lingwa hija fost l-oħrajn damma ta’ ħsejjes. Iżda din id-definizzjoni tgħodd jekk l-għodda tagħna tkun il-kitba.

X’jiġri jekk nippruvaw nindirizzaw ħsejjes differenti – mhux neċessarjament melodiji – permezz tal-kitba? F’dan id-dawl il-kitba hi l-mezz iżda mhux it-tmiem fiha nnifsha. Sapir jikteb li “The voiceless sounds are articulated noises that break up the stream of voice with fleeting moments of silence. Acoustically intermediate between the freely unvoiced and the voiced sounds are a number of other characteristic types of voicing, such as murmuring and whisper.” L-aħħar żewġ aspetti la huma lingwa u lanqas mużika… imma huma ħsejjes. Jaqgħu bejn il-mhux ħoss u l-ħoss, logħba li mhux faċilment tirreffjaha.

U la qed nitkellmu daqstant fuq il-ħoss, forsi qbiżna biċċa importanti li ta’ min nagħtuha widen. Fuq kollox, il-ħoss, x’inhu eżattament? U bil-maqlub ta’ dan… x’inhu s-skiet? Simili għal dak li qal Einstein f’relazzjoni mad-dawl u n-nuqqas tiegħu, is-skiet ma jistax ikun l-assenza tal-ħoss? Fuq din ukoll qbilna li ħaġa diffiċli ħafna li jkollok skiet perfett, minn dak li tisma’ labra taqa’ meta jkollok minnu.

Għalissa se nieqaf hawn, biex inħallikom f’dak li relattivament insejħulu “skiet”… se ngħidilkom biss “shhh, ħa nkomplu niktbu…”

leanne

 

Dwar it-tieni sentenza , ma naħsibx li hija iktar loġika li wieħed jikteb dak li ma jridx jinkiteb. Din hija xi ħaġa para-loġika, ‘il barra mil-loġika, lil hinn mil-loġiku jew l-illoġiku – u iktar vixxerali, bħal meta wieħed jimxi fix-xifer ta’ għoli kbir u jipprova ma jagħtix kas tal-għoli, imma l-isforz konxju biex iżomm il-bilanċ imħallat mal-biżgħa li jaqa’ jwassluh biex jitlef il-bilanċ u fil-fatt jaqa’. Bl-istess mod, meta wieħed jikteb dak li ma jridx li jinkiteb ikun qed iwassal it-tabù, l-interdett, l-imsikket dritt fejn jixtieq li ma jasalx: fil-kliem u t-tlissin. Biex tifhimha din naħseb trid tħares lejn il-kittieb mhux biss bħala esseri konxju minn dak li qed jagħmel (e.ż. jikteb), imma bħala esploratur li qed jara t-territorju immedjat li għaddej minnu imma li ma għandux ħjiel ta’ x’hemm lil hinn minnu (jew taħtu jew fuqu). Jekk wieħed ikun miftuħ biex jaċċetta il-biżgħa, l-ansjetà u r-riskji ta’ din l-esplorazzjoni, allura l-kitba tibda tixrob fiha s-skiet (dak li ma jistax jinkiteb), filwaqt li s-skiet jibda jakkomoda b’inqas reżistenza dak li jiġi mlissen.

caldon

Advertisements