Monthly Archives: August 2013

tlett ijiem fi ftit kliem

Bejn il-Ġimgħa, 26 ta’ Lulju u l-Ħadd, 28, il-parteċipanti ta’ Taħżiż iltaqgħu għat-tieni seminar residenzjali. Din id-darba s-seminar sar f’Villa Psaigon, proprjetà tal-Aġenzija Żgħażagħ, u kien immexxi primarjament minn Caldon Mercieca. Dan il-kors ta’ kitba kreattiva beda b’sejħa għal kittieba żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena, u li qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Żgħażagħ, l-Għaqda tal-Malti – Università, u l-Fondazzjoni AWL. Għan-nom tal-Għaqda qed jikkorndinaw Leanne Ellul u Kit Azzopardi, filwaqt li għan-nom tal-Fondazzjoni qed jikkordinaw Caldon Mercieca u Glen Calleja.

Filwaqt li fl-ewwel seminar l-enfasi kienet aktar fuq it-tħaddim kreattiv tal-lingwa abbażi tal-morfoloġija u l-logħob bil-kliem u s-sintassi; din id-darba t-taħriġ iffoka fuq aspetti usa’. Il-punt tat-tluq kien il-film La Notte (1961).

Il-parteċipanti kellhom jiktbu proposta għall-proġett tagħhom ta’ kitba, li jsensel diversi dimensjonijiet flimkien, ngħidu aħna l-iskultura, il-mużika, il-poeżija u l-proża, iż-żfin, it-teatru u l-bqija. Dan sabiex il-parteċipanti jibdew jaħsbu fl-arti f’termini aktar interdixxiplinarji.

Is-sessjonijiet kienu maħsuba sabiex jikkumplimentaw il-kitba ta’ prosposta ta’ dat-tip, ngħidu aħna bis-sessjoni “It-trasfigurazzjoni tal-ħoss” li fiha l-parteċipanti tħarrġu fil-kitba ta’ ħoss; sessjoni oħra, “Skultura fid-dawl,” ġebbdet il-ħiliet tal-parteċipanti mhux biss mil-lat ta’ kitba iżda wkoll mil-lat fiżiku għaliex bdiet fis-6 ta’ filgħodu.  It-tagħrif li ta Caldon qabel kull workshop kien imprezzabbli; minn hemm dejjem għaddejna għal sessjoni ta’ kitba individwali u wara sintesi u qsim tal-ideat fl-aħħar. Matul dan kollu l-kitba dejjem kienet prijorità.

Fl-ambjent ħiemed ta’ Ħad-Dingli, ma setgħux jonqsu l-mixjiet fid-dlam fuq l-irdumijiet, iċ-ċajtiet maħsuba sew u l-ikliet tal-ġenn ta’ Glen. Din l-esperjenza kienet waħda immersiva fis-sens li l-parteċipanti kienu parteċipi f’kull sens, jaqsmu x-xogħol ta’ tindif huma u jaqsmu l-ideat kreattivi tagħhom sabiex jiżviluppaw l-ideat ta’ xulxin. Il-fatt li f’dan il-kors qed jieħdu sehem parteċipanti minn sfond differenti ħafna, ikompli jgħin sabiex tinħoloq sinerġija sana li tikkumplimenta l-idea tal-interdixxiplinarjetà. Fost l-oqsma li ġejjin minnhom il-parteċipanti, insemmu l-arkitettura, il-mużika, l-arti viżiva u t-teatru… u fuq nota ħelwa, b’eku tal-oriġini tal-Għaqda, hemm min ġej ukoll mill-qasam tal-mediċina.

Is-seminar li jmiss se jsir f’Ottubru, u wara jkun hemm pubblikazzjoni. Ix-xogħol minn issa ’l quddiem ikun jista’ jagħtina indikazzjoni aħjar tal-format aħħari, li ma kienx deċiż mill-bidu nett proprju sabiex naraw ix-xogħol li jipproduċu l-parteċipanti x’jippermetti. Xi kitbiet se jkunu qed jidhru fil-ġimgħat li ġejjin fuq dan il-blogg stess.

Sa ma jkollna aġġornament ieħor dwar Taħżiż, inħeġġukom tippruvaw eżerċizzju intom qasir bħal dawk li ppruvaw il-parteċipanti. Dawk minnkom li jitħajru, jistgħu jibagħtu l-kitbiet taħghom lil ghaqdatalmalti@gmail.com, sabiex dawk magħżula jittellgħu fuq il-paġna tal-Facebook.

Untitled

kit

Advertisements
Advertisements