Monthly Archives: February 2016

sessjoni introduttiva

sessjoni introduttiva

Il-Ħamis 11 ta’ Frar 2016 saret is-sessjoni introduttiva li fiha t-tim ta’ Taħżiż iltaqa’ mal-parteċipanti ta’ din is-sena. Dawn huma Michael Carol Bartolo, Diane Cutajar, Rachelle Deguara, Kimberly Hatherly, Maria Pellicano, Victoria Pisani u Manuel Zarb. Is-sessjoni saret il-Youth Village tal-Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera.

Isabelle Mallia, min-naħa tal-Aġenzija Żgħażagħ tat bidu għal din is-sessjoni billi tkellmet dwar l-għanijiet ta’ proġetti bħal Taħżiż. Dorianne Bonello, kordinatriċi ta’ Taħżiż, tkellmet mal-parteċipanti u għaddietilhom l-informazzjoni kollha marbuta mal-programm ta’ din is-sena. Kit Azzopardi, l-editur ta’ Taħżiż kellimhom dwar l-editjar. Dorianne Bartolo daret bina waqt il-waqfa għal belgħa kafè u żewġ gallettiniet. 🙂

Leanne Ellul, kordinatriċi oħra ta’ Taħżiż, ħadet ħsieb il-workshop li fih il-parteċipanti ħadmu fuq kitba dwar l-oġġetti li nġabru fil-bidu tas-sessjoni. Il-parteċipanti kellhom jagħżlu oġġett li mhuwiex tagħhom u jiktbu paragrafu qasir dwaru fl-ewwel persuna.

Għalhekk f’din il-parti tas-sessjoni bdew jinkixfu l-borom dwar il-parteċipanti! Iċ-ċwievet tax-xogħol ta’ Michael, l-ipod mimli mużika ta’ Maria, iċ-ċurkett ta’ Rachelle li għaliha jfisser bilanċ fil-ħajja, iċ-ċavetta tad-dar ta’ Kimberly, il-pinna oranġjo maġika ta’ Diane, ir-radju tal-karozza ta’ Victoria li bħal Maria jżommilha kumpanija fit-triq u ċ-ċwievet ta’ Manuel tad-dar: dawn l-oġġetti tassew kienu ċ-ċwievet għas-sessjoni għaliex permezz tagħhom il-parteċipanti fetħulha ftit dwarhom infushom.

Il-parteċipanti kellhom imbagħad jaqilbu l-istorja li nkitbet dwar l-oġġetti ta’ xulxin, għat-tielet persuna u fil-preżent. Wara dan it-taħriġ, il-parteċipanti b’karta ddur minn id għall-oħra kitbu sentenza kull wieħed u ħolqu storja. Il-bużillis kien li huma kienu qed jaraw biss is-sentenza li kitbiet il-persuna ta’ qabilhom … u mhux l-istorja kollha. Aqrawha hawn taħt.

Storja kollaborattiva

Fi tmiem is-sessjoni, Beverly Agius, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Taħżiż, ġibdet ir-ritratti tal-parteċipanti … li se jitilgħu fuq il-blogg daqt! Narawkom.

 

Advertisements
Advertisements