Monthly Archives: March 2016

L-ewwel seminar ta’ TAĦŻIŻ4

Għadda l-ewwel seminar ta’ Taħżiż4! Ilkoll inħossuna sodisfatti bil-parteċipazzjoni u l-materjal li ġġeneraw il-parteċipanti. Fl-ewwel sessjoni li saret nhar is-Sibt 5 ta’ Marzu 2016, fil-Villaġġ taż-Żgħażagħ Santa Venera, iltqajna ma’ Emanuel Psaila, kittieb u editur, li tkellem dwar kif tibda tikteb, u x’jagħmel kittieb tajjeb. Il-punt tat-tluq għall-ewwel assenjament tal-parteċipanti kien il-ġnien deskritt fil-ftuħ tal-ktieb L-Għar tax-Xelter ta’ Trevor Żahra. Dan il-ġnien sar tal-parteċipanti u lkoll qabdu vjaġġi differenti fil-kitba tagħhom.

PIC1.JPG

Jgħidu li xkora vojta ma tiqafx. Il-ftajjar bit-tonn taż-żejt, u l-gallettini mal-kafè żammewlna kumpanija u tawna l-enerġija nibqgħu għaddejjin għat-tieni sessjoni dwar l-editjar.

PIC1A

Din is-sessjoni mexxieha Kit Azzopardi li din is-sena se jkun l-editur tal-kitbiet tal-parteċipanti. Kellna diskussjoni dwar x’inhu l-irwol tal-editur u taħriġ ta’ editjar fuq kitba li pprovda Kit.

PIC2.JPG

Il-parteċipanti kellhom ukoll iċ-ċans janalizzaw in-nomi u l-verbi f’diversi poeżiji, u jiddevjaw mill-kliem tas-soltu. Il-poeżiji li għażlet Leanne Ellul biex fetħet din is-sessjoni, komplew jgħinu lill-parteċipanti jesperimentaw bil-kliem. Ma naqasx it-tbissim għal xi kliem ġdid li smajna u li l-kittieba żgħażagħ irnexxielhom jużaw fil-kitba tagħhom.

PIC3.JPG

Għalhekk, wara li llingwajna tkellimna mal-parteċipanti fuq il-kitba tagħhom b’mod individwali. Is-seminar għalaqnieh fuq il-kuxins, bil-popcorn u l-krips. Ingħaqdu magħna xi ħbieb u familjari, u flimkien rajna l-film To Kill a Mockingbird. Għażilna dan il-film biex infakkru lil Harper Lee, l-awtriċi tal-ktieb To Kill a Mockingbird li nħadem il-film fuqu u li ħallietna ftit tal-jiem ilu. Hi wkoll mara li ta’ min niċċelebrawha, bħal ħafna nisa oħra … għax dan tagħha hu rumanz ċelebri.

PIC4

 

Advertisements
Advertisements