Monthly Archives: July 2016

Stedina għal ġurnata kitba!

Bejn il-Ġimgħa, 7 ta’ Lulju u l-Ħadd, 10 ta’ Lulju, se jkun qed isir ir-raba’ seminar tar-raba’ edizzjoni ta’ Taħżiż. Is-seminar se jsir fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, ir-Rabat, Għawdex. Taħżiż huwa programm ta’ kitba kreattiva, iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ u kkordinat mill-Għaqda.

Għall-jum tas-Sibt, bejn it-08:00 u d-21:00, qed nistiednu lill-pubbliku sabiex jiġi jingħaqad magħna, fl-attivitajiet marbuta mal-kitba, li għandna mħejjija għal dakinhar. Il-programm għal dakinhar, se jkun qed jinkludi taħdita u workshop dwar il-kitba tad-djarju u l-memoir, workshop marbut mal-flashfiction, film u attività marbuta miegħu u sessjonijiet one-to-one, fost ħafna iktar. Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-jum nagħlquh b’qari mill-parteċipanti.

Naturalment, matul il-jum ikun hemm ftit waqfiet għall-ikel u x-xorb, li jingħataw b’xejn. L-attendenza għall-attivitajiet f’dan il-jum ukoll hija b’xejn. Inħeġġu lil min hu interessat jattendi, biex jibgħat ittre lil ghaqdatalmalti@gmail.com sabiex ikun jista’ jingħata programm iżjed dettaljat tal-jum.

Din hija l-attività tal-qari għall-pubbliku fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/904517666343308/

Iżjed dettalji wieħed isibhom ukoll fuq il-paġna ta’ Taħżiż fuq Facebook: << https://www.facebook.com/tahziz/?fref=ts>&gt;

13221565_918554724956532_4703450135257413003_nqari

 

Advertisements

It-tielet seminar ta’ Taħżiż4

Nhar is-Sibt, 30 ta’ April sar it-tielet seminar ta’ Taħżiż4, l-Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera. Filgħodu bdejna b’mixja fit-toroq ta’ Birkirkara. Waqt il-mixja, il-parteċipanti taw attenzjoni partikolari lill-ħsejjes u l-viżwali li ltaqgħu magħhom fit-toroq.

Dawn l-ideat, flimkien ma’ oħrajn ħadmu fuqhom wara, fis-sessjoni ma’ Ryan Falzon li ttrattat l-arti viżiva u l-kitba. F’din is-sessjoni, Ryan, wera lill-parteċipanti għażla ta’ pitturi u talabhom biex jiktbu dwarhom. Il-parteċipanti kitbu u semgħu anke x-xogħlijiet tagħhom.

Xkora vojta ma tiqafx!

Wara s-sessjoni ma’ Ryan, dellikna ftit ftajjar għall-ikla ta’ nofsinhar biex inwaqqfu l-ixkora għas-sessjoni li jmiss, li din id-darba saret ma’ Caldon Mercieca.  F’din is-sessjoni, il-parteċipanti ħadmu ma’ Caldon fuq is-sensi fil-kitba u permezz ta’ eżerċizzji speċifiċi senslu għadd ta’ poeżiji qosra minn perspettivi differenti.

Kif intemmet is-sessjoni ma’ Caldon, waqafna għal ftit kafè biex inbillu griżmejna bil-lest għal diskussjoni interessanti. Leanne Ellul mexxiet id-diskussjoni b’mistoqsijiet dwar il-kitba nnfisha. Fid-diskussjoni ħarġu diversi perspettivi dwar għalfejn wieħed jagħżel li jikteb, fosthom, li wieħed jikteb biex jirrifletti dwar esperjenza li jkun għadda minnha, inkella biex jgħix il-ħajja għal darbtejn, kif tistqarr il-kittieba Anaïs Nin.

U intom? Għalxiex tagħżlu li tiktbu?

Id-diskussjoni baqgħet sejra saħansitra anki ftit tal-ħin wara: xħin bdejna nippreparaw għall-ikla ta’ flgħaxija. Iżda imbagħad, ir-riħa tal-pizza u l-inbid fuq il-mejda, waqqfitna biex nitrejqu u ngawdu ftit dawn iż-żewġ togħmiet flimkien. Is-seminar għalaqnieh billi ġarrejna ftit is-sufanijiet u flimkien rajna A Clockwork Orange, film ibbażat fuq ir-rumanz ċelebri ta’ Anthony Burgess li jġib l-istess isem.

It-tieni seminar ta’ Taħżiż4

Bejn il-Ġimgħa 15 u s-Sibt 16 t’April kellna t-tieni seminar ta’ Taħżiż, u matulu kellna ċ-ċans  niltaqgħu ma’ nies  minn oqsma  ta’ arti differenti. Bdejna l-ewwel sessjoni ma’ Simone Spiteri mill-qasam tat-teatru li ffukat is-sessjoni tagħha fuq il-kitba teatrali, b’mod partikolari fuq il-binja ta’ karattru.

It-tieni sessjoni laqqgħatna ma’ Caldon Mercieca li ħarreġ lill-parteċipanti fl-użu tas-sensi fil-kitba.

Esplorajna wkoll il-qasam tal-mużika f’rabta mal-kitba; il-grupp Cryptic Street qasam l-esperjenza tiegħu mal-parteċipanti. Il-kittieba żgħażagħ kellhom biċċa mużika bħala punt tat-tluq għat-taħżiż kreattiv, u dan wassal għal kitbiet b’temi u stili varji.

Is-seminar għalaqnieh bil-qari mill-parteċipanti … u bl-ikel! 🙂

Advertisements