Naomi

naomi-page0001

Il-memorji tal-passat jitqawwew meta tkun dgħajjef, kapaċi jbikkuk u kapaċi jferrħuk. Jafu jistaħbew fil-kantunieri ta’ moħħok daqskemm jafu jaqbżu ‘l barra u jwerwruk b’saħħithom. Imma t-tamiet għall-futur imċajprin u bla sustanza, bħall-ispirti li jiżvintaw, għax m’humiex mibnija fuq iċ-ċertezza. Iżda jekk il-memorji jistgħu jtiru mar-riħ u ma jerġgħux jirritornaw, it-tamiet ma jintilfu qatt.

L-ismartphone triegħed fil-but u ħarġitu. Messaġġ mingħand Chiara. Cocktails ghada pv babe? Tbissmet, u subgħajha taru ħfief ħfief fuq it-tastiera tal-Blackberry, difrejha jtektku mal-plastik. Totes babe! Cu ghada @ 9. Can’t wait! Xxx. Il-leħen tax-xufier ħasadha. “Min se jqumilha lil din is-sinjura?”

                                                                                                                                                                                                             

PROPOSTA 2 (LULJU 2013)

Abbozz tal-Proġett u xi Xogħol ieħor.

Titlu: Il-Kamra tas-Sigriet

Deskrizzjoni Ġenerali: Kull persuna hija kamra mimlija bis-sigrieti: il-passat kollu li jagħmilha li hi huwa magħruf lilha biss waqt li hi stess hija sigriet sagru moħbi minnha nnifisha.

Narrattiva: Tliet persuni (mara, raġel, u tfajla) qegħdin bil-qiegħda fil-postijiet riżervati għall-anzjani, nisa tqal u persuni bit-tfal żgħar fuq il-karozza tal-linja numru 31 li sejra lejn l-isptar Mater Dei. Huma lkoll mitlufin f’dinjiethom u fi ħsibijiethom, tant li meta l-karozza tal-linja tasal fuq l-istejġ quddiem Mater Dei u titla’ mara mis-Somalja, tqila, ħadd minnhom ma jqum minn postu u joffrihulha, u jkollu jkun x-xufier li jwqqaf il-karozza u jinżel minn postu biex isibilha post fejn toqgħod bilqiegħda.

Dimensjonijiet:

  1. Proża – Jiddeskrivi l-ħsibijiet ta’ erba’ karattri li ħajjithom jiltaqgħu fuq karozza tal-linja li tieqaf Mater Dei fi triqitha lejn Buġibba. L-istorja qasira hija maqsuma f’taqsimiet iżgħar mifruda bl-asterisks li juru l-iżolazzjoni kompleta mentali tal-karattri minn xulxin.

    Il-karattri prinċipali jingħataw isem għall-konvenjenza f’dan id-dokument għax isimhom ma jissemmiex fil-kitba.

    • It-tfajla, Giselle, hi studenta fil-Junior College. Għandha madwar tmintax-il sena. Meta wieħed iħares lejha jaħsibha persuna superfiċjali immens, mentri fil-fatt hi qiegħda tfieq mit-trauma li telaqha n-namrat tagħha Claudio (jissemma’ biss ismu u ma tingħata ebda deskrizzjoni tiegħu għajr fejn hu neċessarju bħala parti mill-memorji ta’ Giselle) biex ikun jista’ jibda relazzjoni mal-ħabiba tal-qalb tagħha. Kienet laħqet bdiet relazzjoni ma’ ġuvni ieħor meta Claudio rritorna, iżda wara xi żmien ir-relazzjoni bejn Claudio u Giselle reġgħet spiċċat fix-xejn. Sforz ta’ dan hi telqet mill-iskola għal xi xhur, u kellha tirrepeti s-sena biex tkun tista’ tagħmel l-eżamijiet tal-Matrikola. Hi qiegħda fuq tal-linja fi triqitha lura d-dar, ġurnata sħuna f’ April, u qiegħda taħseb fuq l-uġigħ li ġabilha Claudio, imma b’mod indirett il-qarrej jinduna li hi fil-fatt karattru b’saħħtu għax qiegħda terġa’ tqum fuq saqajha biex tgħix ħajjitha minflok tindifen fil-passat.

    • Ir-raġel, Charles, huwa tabib fl-età tan-nofs. Is-sekwenza ta’ ħsibijietu tieħdu minn apprezzament pur għall-mod kif is-sistemi kollha tal-ġisem jaħdmu flimkien b’sinkronija perfetta tant li l-bniedem innifsu ma jkunx jaf li qegħdin jaħdmu, għal riflessjoni fuq it-tfal tiegħu li l-ebda waħda minnhom ma kompliet fuq il-linja tiegħu – il-kbira qiegħda tistudja biex issir avukat waqt li ż-żgħira se tersaq għall-eżamijiet tal-Matrikola (hija Giselle li titla’ fuq tal-linja li tgħinu jaqbad din is-sekwenza ta’ ħsibijiet). Il-bqija tal-vjaġġ iqattgħu jaħseb fuq is-sitwazzjoni ta’ bintu ż-żgħira li m’għandiex interess kbir fl-iskola.

    • Il-mara, Rose, hija Maltija b’moħħ kompletament magħluq – hi tikkwota l-opinjonijiet tan-nies mingħajr qatt ma tiflihom bir-reqqa biex tagħżel dak li hu ħażin minn dak li hu tajjeb, u għalhekk hija eżempju tal-ikbar injoranza: ta’ dak li ma jridx jitgħallem. (Il-qarrej għandu jkollu sens ta’ għeluq u ta’ nifsu maqtugħ jew fgat għax din il-mara razzista tagħmel diskriminazzjoni bejn in-nies fuq bażi ta’ apparenza, u għax għalkemm mingħaliha li hi ġusta, hija kompletament sajma mill-fatt li r-reliġjon tagħha huwa mibni fuq kredu ta’ mħabba u tolleranza lejn il-proxxmu. Dawn l-affarijiet ma jingħadux min-narratur, imma jinkixfu minn ħsibietha stess, li għandhom jkunu miktubin b’mod li lilha jwaqqgħuha għaċ-ċajt biex il-kritika tkun insinwata. Waħda mit-temi ta’ 31 hija l-kundanna tar-razzisti, l-iżjed għal dawk il-qarrejja li jaqblu mal-ħsibijiet ta’ Rose u m’huma kapaċi jaraw xejn ħażin fihom.) Matul il-vjaġġ hija tgħix fil-preżent u għall-futur immedjat ta’ tisjir u tindif. Hija l-unika waħda mit-tliet karattri fuq tal-linja li tinduna bil-mara mis-Somalja imma m’għandha l-ebda intenzjoni li toffrilha postha. Madankollu m’hijiex karattru kompletament ħażin, għax hi tħobb lil familtha bi mħabba sinċiera u lesta tagħmel kollox biex tarahom qegħdin jgħixu sew.

    • Riklam ta’ kruċiera mal-ġenb tal-istejġ ifakkar lill-mara mis-Somalja fil-wasla tagħha f’Malta wara l-vjaġġ li għamlet lejn l-Ewropa bħala immigranta illegali. (Il-qarrej għall-ewwel għandu jaħseb li waslet Malta bħala turista fuq vapur tal-kruċiera biex imbagħad jirrealizza l-verità bil-konnotazzjonijiet kollha tagħha.) Il-mara hija ottimista, u għandha tama kbira, kważi ċertezza, li l-futur tagħha sejjer ikun aħjar. Hi ma tistenna xejn mingħand ħadd imma tħossha grata għal kull ma jingħatalha jew isir magħha.  Hija titla’ fuq tal-linja ma’ ħafna persuni oħra, u meta għajnejha jiltaqgħu ma’ ta’ Rose tinduna bl-ostilità li għandha għaliha din il-mara li lanqas biss tafha.

    • Ix-xufier huwa strument fl-istorja. Hu jaġixxi biex lill-mara mis-Somalja jsibilha post fejn tpoġġi għax hekk titlob il-kumpanija li tħaddmu, u l-qarrej m’għandux ikun jaf jekk kienx jaqbel mal-aġir mitlub minnu bħala rappreżentant tal-kumpanija li timxi skont il-liġi, imma sepliċiment li aġixxa kif suppost. Huwa l-uniku karattru li jitkellem matul l-istorja, u l-ewwel parti minn kliemu sservi biex lil Giselle u lil Charles iġibhom lura fid-dinja fiżika u biex iqajjem sens ta’ għadab f’Rose (dan għandu jagħti ħjiel lill-qarrej li mhix ser tkun hi li tqum). Kliemu kollu kemm hu jidher biss fi tmiem il-parti tal-mara mis-Somalja, fejn tieqaf l-istorja.

    Il-preżent fiżiku (il-vjaġġ, il-pajsaġġ eċċ.) tal-karattri jintiseġ ma’ ħsibijiethom dwar il-passat u max-xewqat u tamiet tagħhom għall-futur, imma d-deċiżjoni dwar min minnhom qam biex tpoġġi l-mara mis-Somalja tibqa’ f’idejn il-qarrej.

  2. Poeżija – Il-poeżija tirrifletti fuq ir-rabta bejn ir-ruħ u l-ġisem u għandha għalhekk isservi bħala introduzzjoni għal 31 flimkien mal-akkwarell ta’ Asleep ta’ Picasso.

  3. Mużika u Ħoss – Il-poeżija tirrifletti fuq ir-rabta bejn ir-ruħ u l-ġisem u għandha għalhekk isservi bħala introduzzjoni għal 31 flimkien mal-akkwarell ta’ Asleep ta’ Picasso.

  4. Fotografija – Ir-ritratti magħżula jeħtieġu li jkunu black-and-white biex jintrabtu mat-tema tal-passat u tas-solitudni. L-istampi tal-moħħ magħżula jeħtieġu li jkunu bil-kulur biex toħroġ l-idea ta’ ħajja u attività.

Referenzi:

  • Question – May Swenson – poeżija

  • Atonement – Ian McEwan – rumanz

  • The King’s Speech – film

  • Hotel – Arthur Hailey – rumanz

  • Asleep – Pablo Picasso – pittura

  • The Host – Stephanie Meyer – rumanz

  • The Life and Personal Recollections of Joan of Arc – Mark Twain – rumanz storiku

  • Il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb

  • Socrates – “the truly wise person is wise not because he knows, but because he knows that he doesn’t know”
Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Advertisements
%d bloggers like this: